Il-Vera Tfittxija tal-Assedju PDF Print E-mail
Articles | Culture
Written by Dr. Stephen C Spiteri on Thursday, 01 October 2009 12:10   

Romantiċiżmu jew Realtà?

Centru+Lemin hu kburi li qed jippubblika d-diskors kollu ta' Dr. Stephen C. Spiteri fl-okazjoni ta' Jum Il-Vittorja. Nirringrazzjaw lill-Dr. Spiteri talli gentilment ipprovdiena bil-materjal u nheggu lill-storici u awturi notevoli ohra sabiex jikkuntribwixxu lejn is-sit elettroniku taghna. L-illustrazzjoni hawn fuq hija ukoll xoghol ta' Dr. Spiteri.

Stephen C. Spiteri  (2009): 

Il-Vera Tfittxija tal-Assedju: Romantiċiżmu jew Realtà?, 

diskors fl-okkażjoni ta’ Jum Il-Vittorja

Lejla Kommemorattiva organizzata mill-Kumitat Festi Nazzjonali. 

7 ta’ Settembru, 2009 - fil-Belt Valletta.  MALTA

 

 

 

‘Nixtieq li kieku ħadd ma jibqa’ rieqed

Fuq xi ħwejjeġ li ġraw fi żmien li għadda;

Illi jinkitbu dejjem qalbi xtieqet;

U hekk mela s-salib jien inrodd radda,

U ngħid, Aħwa Maltin, ejjew quddiemi,

Fuq xi ġrajja ta’ niesna isimgħu kliemi.’

 

Ġananton Vassallo, Il-Ġifen Tork

 

 

 

Kull nazzjon, xi ħin jew ieħor tul l-istorja tiegħu, kellu jgħaddi minn ġrajjiet diffiċli li ħallew it-timbru indelibbli tagħhom fuq il-karattru tal-poplu tieghu. Għalina l-Maltin, It-8 ta’ Settembru tfakkar tnejn mill-episodji l-aktar qliel u sagri fil-mixja ta’ ġensna – żewġ assedji kbar li bidlu l-kors tal-istorja mhux biss għal pajjiżna, iżda saħansitra għad-dinja kollha. Din il-ġurnata, magħrufa bħala Jum il-Vittorja, tfakkar l-Assedju tal-1565 magħruf ukoll bħala l-Assedju l-Kbir ta' Malta, wieħed mill-aktar assedji qliel fl-istorja, meta l-qawwa Ottomana attakkat lill-Kavallieri ta' San Ġwann fil-fortizza tagħhom ġol-Port il-Kbir, kif ukoll it-tmiem tat-tieni assedju ta’ Malta kontra l-faxxiżmu fit-Tieni Gwerra dinija, meta ċediet Italja fl-1943.

 

Kull sena, it-8 ta' Settembru titfakkar b'festa nazzjonali. Barra miċ-ċelebrazzjonijiet reliġjużi li jsiru fl-Isla, in-Naxxar, il-Mellieħa, u x-Xagħra f’Għawdex, issir ċerimonja kommemorativa hawn il-Belt Valletta maġenb il-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, ħdejn il-monument ta’Antonio Sciortino. Dan il-monument tal-bronż, li twaqqaf fl-1921 biex ifakkar l-Assedju Kbir tal-1565, jirrapreżenta b’mod allegoriku, il-valuri ta’ fortitudini, tama, u fidi – tliet valuri indispensabbli għas-sopravivenza u l-għixien ta’ Malta, f’dinja madwarna ferm akbar u ostili. Dawn l-istess kwalitajiet għenu lill-poplu Malta biex jirbaħ ħafna mill-isfidi li l-istorja poġġiet quddiemu u wassluh, sa fl-aħħar, biex jirbaħ saħansitra d-dritt li jiddetermina d-destin tiegħu bħala poplu sovran u liberu. 

 

Huwa fatt li jgħaġġeb kif din il-blata tagħna daqshekk żgħira, f’baħar tant kbir, kellha tilgħab parti tant importanti fl-istorja. Iċ-ċokon tagħna, kif ukoll il-posizzjoni strateġika ta’ Malta, ikkontribwew biex ħafna drabi din il-gżira spiċċat il-mira tal-potenzi li ħsiebhom kien li jiddominaw il-Mediterran. Ta’ spiss missirijietna nqabdu f’din it-taqbida u daqu t-togħma qarsa tal-gwerra li ġabet magħha. U għalkemm qatt minn jeddhom, ma ħabbew jew fittxew il-gwerra, meta kellhom jissieltu biex jiddeffendu ħajjithom, ħwejjiġhom, u it-twemmin tagħhom, il-Maltin ma beżgħux. Kull darba taw prova li kellhom kuraġġ u qlubija kbira li jiġu minn konvinzjoni morali li tagħtik biss it-twemmin fis-sewwa u l-fidi f’Alla. 

 

L-istejjer taż-żewġ assedji kbar jagħtu xiehda ta’ dan.

 

Napprezza din l-opportunità biex naqsam magħkom ftit ħsibijiet dwar din l-okkażjoni. Jien se nitkellem dwar il-ġrajja epika tal-1565. Mhux għaliex l-episodji l-oħra fl-istorja tagħna m’għandhomx valur għalija, iżda għaliex huwa l-assedju tal-1565 li l-aktar li jsaħħarni u li dwaru għad baqa’ ħafna li għadu mistur. 

 

Mhinix se nipprova npitter din il-ġrajja b’ilwien letterarji, poetiċi, jew filosofiċi. F’din l-għalqa hemm min hu ferm kapaċi u elokwenti biex jagħmel dan. Għall-kuntrarju, jien dejjem fittixt li nħares lejn l-Assedju l-Kbir minn lenti purament oġġettiva u xjentifika, bil-għan li nneżża’ din l-istorja, kif waslet lilna, mid-doża qawwija ta’ sentimentaliżmu, leġġendi, u ħrejjef li fiha, mhux biex nipprova nnaqsilha mill-valur tagħha, iżda biex niskopri fiha l-leġitimità li taghtiha biss il-verità.

 

L-Assedju l-Kbir kien episodju importanti fil-gwerra qaddisa bejn L-Ewropa Kristjana  u Lvant Musulman. Gwerra totali bejn iż-żewġ reliġjonijiet u kulturi kbar li ħakmu d-dinja għal sekli sħaħ u li fis-seklu sittax kienu waslu fil-quċċata tal-qawwa tagħhom. L-attentat tat-Torok biex jaħtfu l-gżira ta’ Malta minn idejn il-Kavallieri ta’ San Ġwann, kien l-aħħar attentat serju li l-Imperu Ottoman għamel biex jistabbilixxi ruħu fil-qalba tal-Mediterran, bl-iskop li jakkwista posizzjoni vantaġġjuża minn fejn seta’ jorganizza  l-invażjoni tal-parti t’isfel tal-Ewropa. Ir-reżistenza vittorjuża tal-Kavallieri u l-falliment tal-assedju Tork, wera li l-qawwa militari tal-Imperu Ottoman ma kinetx invinċibbli.  Ir-rebħa fissret li, għall-ewwel darba f’ħafna snin, wara d-disfatti ta’ Konstantinopli, Rodi, Moħaks, Preveża, Tripoli, u Ġerba, l-Ewropa setgħet fl-aħħar tieħu n-nifs.

 

Għall-kavallieri nfushom – il-protoganisti ewlenin f’din il-ġrajja – ir-rebħa fuq l-Armata Ottomana li assedjathom, tagħthom opportunità kbira li jsostnu r-relevanza u l-fama tal-Ordni militari u reliġjuz tagħhom fil-qafas tad-difiża tal-Ewropa kontra t-theddida kontinwa tal-espansjoniżmu Ottoman. Għalhekk, iċ-ċelebrazzjoni ta’ din ir-rebħa, ta’ din il-festa tal-Vittorja li għaliha lkoll iltqajna hawn illum f’din il-pjazza, mhix xi festa moderna ivvintata fi żmienna, iżda hija tradizzjoni u ritwal li introduċew il-kavallieri nfushom fis-snin wara l-assedju, biex jibqgħu jfakkru l-importanza ta’ dan l-episodju u l-unuri kbar li ġab lill-Ordni. Fi żmienhom, f’din l-okkażjoni, kienet issir purċissjoni twila madwar it-toroq tal-belt, sfilata li fiha kienu jieħdu sehem ħafna mill-kavallieri mmexxija mill-Gran Mastru nnifsu. Quddiem nett kienu jinġarru x-xabla u s-sejf li r-Re ta’ Spanja, Fillipu II, kien bagħat bħala rigal lill-Grand Mastru Jean de Valette b’rikonoxximent għar-resistenża qalbiena li l-Ordni ta’ San Ġwann kienet uriet f’din it-taqbida. Aktar tard fl-istess ċerimonja, fil-knisja konventwali ta’ San Ġwann, din ix-xabla kienet tinħareg mill-għant tagħha waqt il-qari tal-evanġelju u tintwera lill-kongregazzjoni. 

 

Dnub li kemm din ix-xabla, kif ukoll u s-sejf ta’ pariġġha, it-tnejn miksija djamanti u ħaġar prezzjuż, m’għadhomx jinsabu f’Malta, għaliex kien ġarrhom miegħu Napuljun wara li ħataf il-gżejjer Maltin fl-1798 u neżżagħhom, tista tgħid, mir-rikkezzi kollha li l-kavallieri, f’żewġ sekli u nofs ta’ ħakma, laħqu żejnu l-gżira bihom.

Bla dubju ta’ xejn, illum dan l-episodju narawh bħala telfa kbira għall-wirt u l-istorja tagħna. Aktar u aktar meta tqis li ftit huma dawk l-elementi tassew tanġibbli li għadhom iwasslu lura u jixhdu għal din il-ġrajja ferm importanti fl-istorja ta’ dawn il-gżejjer. Tista’ tgħid li ftit baqa’ elementi jew fdalijiet oriġinali marbuta mal-Assedju l-Kbir, kemm jekk huma l-istess armi tal-gwerra – il-korazzi, xwabel, arkibusijiet, tarek, u kanuni, kemm tal-Kavallieri u wisq anqas tat-Torok – u kemm jekk huma l-apsetti l-oħra li kienu jiffurmaw il-kuntest għal din il-battalja – it-topografija, l-arkitettura, l-urbanistika, il-kampanja, eċċ. Dawn l-elementi sparixxew għal ħafna raġunijiet u diffiċli telenkahom u tispjegahom kollha hawn fil-ftit ħin li għandi. Ngħid biss li l-Port il-Kbir, li fih seħħet din il-ġrajja, inbiddel b’mod drastiku f’dawn l-aħħar sekli, speċjalment minn nofs is-seklu dsatax lil hawn, tant li kemm il-Birgu, l-Isla, Sant Iermu, Sant’Anġlu u ż-żoni ta’ madwarhom,  il-Kalkara, Bormla, Kordin, il-Marsa, u l-għolja ta’ Xeberras, baqgħalhom ftit li xejn mid-dehriet seiċenteski tagħhom.

 

Is-swar u l-fortifikazzjonijiet, partikolarment, kienu reġgħu nbnew u nbidlu għal-darba, tnejn, tlieta, u għalkemm, bejn wieħed u ieħor, ippjantati fuq l-istess roqgħa ta’ art, il-forma u d-dettalji tagħhom li naraw illum huma prodott tas-sekli sbatax u tmintax, espressi f’lingwaġġ Barokk u ostensjużi. Barra minn hekk sofrew grieħi kbar oħra kaġun tal-interventi ndustrijali tas-sekli dsatax u għoxrin. Sfortunatament ukoll, għall-kuntrarju ta’ assedji oħra, l-Assedju l-Kbir lanqas m’għandu l-benefiċċju tar-rekord arkejoloġiku biex jissostanzja l-fatti kif irrakkuntati. Forsi biss fl-ibħra li jdawru l-Birgu, l-Isla, u Sant’Anglu għad hemm il-possibiltà li wieħed jista’ jiskopri xi ħaġa li tmur lura għal din il-ġrajja.

 

Għalhekk, dak li nafu dwar l-Assedju l-Kbir jaslilna l-aktar mill-kitba, u mill-arti ta’ Matteo Perez d’Aleccio.  Hawnhekk aħna ffortunati li din is-saga ġiet iddokumentata kemm minn dawk li ħadu sehem fiha, bħal Francesco Balbi da Correggio, Antonio Cirni, Fra Vincenzo Anastagi, u Pierre Gentil de Vendome, kif ukoll minn dawk li għexu fiż-żmienha u segwewha mill-bogħod.  Bla dubju ta’ xejn l-aktar font awtorevoli u dettaljat dwar l-Assedju, li jħares lejn l-istampa kollha, jibqa’ r-rakkont ta’ Giacomo Bosio fit-tielet volum tal-istorja tassew monumentali tiegħu tal-Ordni ta’ San Ġwann. Iżda, bħalma diġà stqarr qabli Dr Giovanni Bonello, żgur li għadna ma sibniex u ma eżawrajniex dak kollu li nkiteb fuq l-assedju fi żmienu, kemm minn dawk li ħadu sehem fih kif ukoll minn dawk li ikkummentaw fuqu.

 

Dnub li l-Ordni ma żammitx rekord uffiċjali ta’ dak li seħħ bejn il-wasla tal-armata Ottomana u t-tluq tagħha – għall-inqas xejn li waslilna. L-aħħar dħul fl-arkivji tal-Ordni jittratta l-ħatra ta’ kummissjoni magħmula mill-kavallieri Fra Oliver Starkey u Don Pedro de Mendoca biex issir inkjesta ħalli jiskopru r-raġunijiet wara l-isplużjoni ta’ parti mill-fabbrika tal-polvri fil-Forti Sant Anġlu, fil-lejl tad-19 ta’ Gunju. Forsi, u wisq probabbli, bħalma ntqal ħafna drabi qabel, il-Kavallieri kienu wisq mehdija jiġġieldu biex joqogħdu jħożżu l-minuti ta’ dak li ntqal bejniethom fil-laqgħat mgħaġġla tal-Kunsill waqt dawk il-ġrajjiet hekk tal-biża’. Iżda jista’ jkun ukoll, li kien fl-interess ta’ kulħadd, speċjalment tal-Ordni, li ċerti deċizjonijiet skomdi u mbarazzanti li fuqhom kien hemm disgwid serju bejn il-Gran Mastru u l-kunsilliera tiegħu, bħal ngħidu aħna, ir-rewwixta tal-kavallieri u s-suldati Spanjoli li ntbagħtu f’Sant Iermu, jitwarrbu bil-kwiet.

 

Il-popolarità tal-istorja tal-Assedju ma ħelsitx ir-rakkonti ta’ din il-ġrajja mid-difetti serji ta’ natura apoloġetika, żbilanċjata, u esaġerata li jikkaratterizzaw ħafna mir-rakkonti ta’dan it-tip, miktuba f’dawk iż-żminijiet. Dawn it-tendenzi nsibuhom kważi fir-rakkonti kollha ta’ battalji oħra simili u kontemporanji. L-aħħar studji fuq l-assedju ta’ Cuzco ta’ 1536, fil-Perù, per eżempju, fejn gwarniġjon żgħir Spanjol jingħad li irreżista armata kbira ta’ Inca, turi li mhux talli r-rakkonti uffiċjali kienu jkunu ħafna drabi esaġerati iżda, saħansitra, anki qarrieqa; għaliex f’dan il-każ, jaħbu l-fatt li kienet l-għajnuna mill-alleati indiġeni li dawret is-sitwazzjoni favur id-difensuri u mhux il-kurraġġ u l-erojiżmu tal-gwarnigjon Spanjol, kif ippruvaw ipinġuha uħud li ħadu sehem f’din il-battalja. Għalhekk m’għandniex nippretendu li r-rakkonti tal-Assedju l-Kbir tal-1565 mhumiex imtebbgħa minn dnubiet simili. Ma tridx tkun xi studjuz kbir tal-istorja biex tinnota kif fost il-kitbiet kollha li nafu bihom, kważi kull ma għamlu l-Kavallieri u l-alleati tagħhom huwa perfett u ġustifikabbli, u kull m’għamlu it-Torok huwa ħażin u kundannabbli.

 

Għalhekk, illum il-ġurnata ħafna mill-fatti kif irrakkuntati lilna saru suspettużi, miktuba kif kienu b’aġenda li tigglorifika l-Ordni ta’ San Ġwann. Żgur li l-istudjuż illum ma’ jistax jibqa’ jħares lejn l-Assedju l-Kbir mingħajr ma’ japplika lenti kritika. Ftit ħafna, iżda, kienu t-tentattivi matul iż-żmien li ppruvaw janalizzaw ir-rakkonti popolari tal-Assedju l-Kbir għall-fattwalità tagħhom, sabiex forsi jippruvaw jifhmu kemm minn din il-ġrajja hija sempliċiment ħrafa minsuġa u kemm minnha hija vera.

 

U hija fuq kollox il-verità, jew aħjar it-tfittxija għall-verità, li għandha tkun il-mutur wara l-istudju tal-istorja tal-Assedju. Għadda ż-żmien meta kien biżżejjed li nirrepetu b’mod pappagallesk in-narrativa kif nafuha u nibqgħu nippropagaw il-leġġendi u l-foklor li l-aktar jappellaw għall-imaġinazzjoni popolari. U dan għaliex il-mod ta’ kif wieħed jistudja l-istorja m’għandux ikun fi spirtu leġġer. L-istorja mhix spettaklu, għalkemm bla dubju ta’ xejn hemm ħafna episodji fiha li għandhom il-potenzjal li jistgħu jservu għal skop ta’ divertiment. M’hemm xejn hażin, ħalli niftiehmu, li l-industrja tat-turiżmu u dik tal-ispettaklu jispiraw ruħhom minn din il-ġrajja epika, iżda ejjew ma nagħmlux l-iżball li nitfixkluha mal-istorja vera. Faċli tpoġġi l-kliem f’ħalq Jean de Valette biex tikkomponi rumanz ħaj, iżda huwa ferm aktar diffiċli tiskopri dak li tassew qal u għamel!

 

U hawn jinsab il-qofol ta’ kollox, il-bżonn ta’ studju u riċerka kontinwa – xogħol fit-tul u ta’ paċenzja kbira li ftit hemm min hu lest li jagħmlu ... għaliex, forsi, fil-ħajja tallum -  mgħaġġla u ossessjonata bil-flus, dan ma tantx jirrendi. Mingħajr il-frott tar-riċerka, iżda, ftit nistgħu nitgħallmu affarijiet ġodda. Bħalma jgħid edukatur Amerikan fit-titlu tal-ktieb magħruf tiegħu There are no Short Cuts, tassew ma tezistix triq ħafif u qasira fl-apprezzament siewi tal-istorja.

 

U baqa’ ħafna x’wieħed jiskopri. Minkejja l-istudji ġodda u il-biblijografija dejjem tikber, għadna ’l bogħod milli jkollna histoire totale  tal-Assedju Kbir. L-għarfien kurrenti fl-aspetti soċjali, ekonomiċi, organizzattivi, loġistiċi, u militari għadu wisq ifframmentat – aspetti li huma indispensabbli biex verament nifhmu d-dinamika ta’ kif żvolgew l-affarijiet. Biex insemmi ħaga waħda biss, għadna lanqas m’aħna ċerti dwar id-daqs tal-armata Torka – element fundamentali biex wieħed jista’ jkejjel il-vera kobor’ ta’ dan l-assedju.

 

Ma nħallux, għalhekk li l-immaġinazzjoni tivvinta assedju ieħor li qatt ma seħħ.

U marbut  mal-imaġġinazzjoni fertili hemm ukoll l-iżvantaġġi li jikkrea r-romantiċiżmu. Ħafna drabi, il-bniedem għandu d-drawwwa li jirromantiċizza wisq il-passat u jara s-sabiħ u l-faxxinu f’affarijiet li, fir-realtà, mhuma xejn ħlief tal-waħx. Hekk jiġri ukoll bl-Assedju l-Kbir. Għal ħafna l-Assedju jevoka biss xeni romantiċi ta’ kavallieri libsin korazzi jleqqu jissieltu erojkament fuq is-swar.  Fir-realtà l-assedju kien xena waħda ta’ eluf ta nies f’roqgħa żgħira ta’ art, imġiegħla joqtlu u jqattgħu lil xulxin bl-aktar mod feroċi u barbaru għal erba’ xhur sħaħ. Is-seklu sittax ġab miegħu wkoll il-qilla akbar tal-armamenti ġodda mħaddma mill-polvri – xkubetti, arkibużi, u kanuni kbar u aktar effiċjenti fil-qawwa distruttiva tagħhom. Żgur li fl-1565, il-Maltin kien għadhom qatt ma daqu l-qilla tal-gwerra moderna fuq skala daqshekk ħarxa. Sa dakinhar, l-aħħar assedju li kienet rat il-gżira kien seħħ fl-1429 u ħadd minn dawk ta’ dak iż-żmien ma kien għadu mas-saqajn biex jiftakar dik l-esperjenza. Lanqas ir-razzia tal-1551, dak l-episodju trawmatiku li kien għadu frisk f’moħħ ħafna mill-Maltin, meta nġarret kważi l-popolazzjoni Għawdxija kollha fl-iskjavitù, ma seta’ jippreparahom għall-istragi li kienet tistenniehom fl-1565.

 

X’kienet tfisser l-esperjenza tal-assedju għal dawk kollha li ħadu sehem fiha, tista’ tifhimha malajr billi sempliċiment tiftaħ it-televixin u tfittex l-aħbarijiet dwar il- gwerer ħorox madwar id-dinja u tara x-xeni ta’ nisa u tfal, xjuħ u innoċenti, suldati u pajżana mifruxa mal-art f’għadajjar ta’ demm. Vera li l-għodod tal-qtil inbidlu maż-żmien, imma l-iskop u l-prodott finali tal-gwerra baqa’ u jibqa’ l-istess.

 

Le, mhemm xejn glorjuż fil-qtil u l-istraġi tal-gwerra.

 

Bħal kull gwerra oħra fl-istorja tal-umanità, l-Assedju l-Kbir kien traġedja umana.  Imneżża’ mis-sentimenti kollha ta’ romantiċizmu agħmi jissaraf f’elenku ta’ tbatija, straġi, distruzzjoni, u mewt. Dan nistgħu narawh sew, per eżempju, fil-petizzjonijiet li ħafna Maltin li għexu l-assedju, ressqu quddiem il-Gran Mastru. Numru sew minn dawn id-dokumenti għadhom jeżistu u juruna nies tad-demm u l-laħam, bħal Isabella Grima li tilfet ir-raġel tagħha fil-ġlied kontra t-Torok f’Bormla, u waħidha kellha trabbi sitt itfal;  jew bħal Isabella Cesario li tilfet ir-raġel tagħha, Maestro Muratore Giovanni, fit-taqbida għall-Isla. Naraw din it-tbatija ukoll fil-petizzjoni ta’ Mastru Masi Psaila fejn talab il-qrati jagħtuħ il-kustodja tat-tifla ta’ ibnu, Mastru Nino, li nqatel mit-Torok; jew fil-petizzjonijiet ta’ Anna Gagliela u Antonio Rossell  li sfaw bla saqaf fuq rashom  għaliex twaqqgħetilhom darhom;  jew f’dawk ta’ Blasio Bonnici minn Casal Luqa u Pietro Bonello minn Casal Tarxien li tilfu l-għixien tagħhom għaliex inqerdulhom il-merħliet u l-irziezet tagħhom, u b’hekk waqgħu f’dejn u faqar kbir. 

Waħda mill-affarijiet li qatt ma kkonvinċewni fir-rakkonti kollha tal-Assedju hija kif il-kavallieri dejjem ħadu l-kredtu kollu tar-rebħa. Il-Maltin ftit li xejn jissemmew. U f’dan miniex waħdi. Lil Dun Karm Psaila, din il-ħaġa tant dejqitu li ħass il-ħtiega li jikteb poeżija sħiħa biex isewwi dan in-nuqqas. U biex it-tifħir żgur jeħduh il-Maltin, il-poeta ma jsemmi l-ebda kavallier ħlief lill-Grand Mastru, u anki lilu qatt ma jsemmih b’ismu. Ta’ min jgħid li, għalkemm il-Maltin qatt ma kienu ppreżentati bħala l-protagonisti ewlenija ta’ din il-ġrajja, kienu fil-fatt missirijietna li refgħu l-parti l-kbira tat-tbatija u tat-taqbida. Mingħajr sehem il-Maltin, is-sitt mitt kavallieri (ħafna minnhom xjuħ) u l-elfejn merċenarju mħallsin minnhom, kienu jintaħnu f’ħakka t’għajn mill-armata Ottomana.  Kienu l-eluf ta’ suldati Maltin, u n-nies tal-ibliet u l-irħula, irġiel u nisa komuni, u saħnasitra tfal, li pprovdew it-tarka difensiva fil-Birgu u l-Isla, speċjalment wara li l-Gran Mastru Jean de Valette kien laħaq issagrifika l-parti l-kbira tal-armata professjonali tiegħu fid-difiża ta’ Sant Iermu, f’attentat biex jirbaħ iż-żmien ħalli, mingħalih, jilħaq jasal Don Garcia de Toledu bir-rinforzi Spanjoli.

Għalhekk, żgur li ma kinux ġustifikati d-dubbji li wera l-Gran Mastru Jean de Valette lill-Viċi Re ta’Sqallija, Don Garcia de Toledu, dwar kemm tista’ tafda lill-Maltin, f’ittra li bagħatlu fid-29 ta’ Ġunju 1565, ġimgħa biss wara l-waqa’ ta’ Sant Iermu, fejn iddiskrivihom bħala ‘un popolazzo di poco animo’. L-esperjenza tal-assedju wriet bil-kbir kemm kien żbaljat u ma kellux raġun. Tant hu hekk li l-konsiderazzjoni kbira li juri Giacomo Bosio għall-qlubija tal-Maltin fir-rakkont tiegħu, miktuba ħafna snin wara, tikxef  kif din l-attitudni tal-kavallieri lejn il-Maltin, laħqet inbidlet fis-snin ta’ wara l-Assedju, preċiżament għaliex il-Maltin kienu taw prova li kienu poplu qalbieni.

 

Kultant titqajjem il-mistoqsija ta’ x’kien jiġri kieku l-Assedju ntrebaħ mill-għadu. Impossibbli tgħid, imma żgur li l-istorja u l-identità tagħna kif nafuhom illum kienu jkunu ferm differenti. Kieku la kienet tinbena din il-belt famuża u l-fortifikazzjonijiet kbar l-oħra li telgħu biex jipproteġuha, u lanqas m’għandna l-palazzi, il-bereġ, u l-knejjes li naraw madwarna – fi ftit kliem, kieku m’għandniex dak kollu li jagħmel il-wirt arkitettoniku Malti tant uniku u speċjali. Wirt, li sa fl-aħħar, is-soċjetà Maltija fehmet l-importanza tiegħu u bdiet tinvesti bis-serjetà biex tissalvagwardjah u tippriservah għall-benefiċċju tal-ġenerazzjonijiet li ġejjin. Ix-xogħlijiet ta’ restawr li saru f’dawn l-aħħar snin, kif ukoll dawk ipproġettati biex jitwettqu fuq is-swar fis-snin li jmiss, huma pass importanti f’din il-viżjoni ġdida ta’ valorizzazzjoni ta’ dan il-patrimonju inestimabbli tagħna.

 

Fost il-fortizzi maħsuba biex jibbenefikaw minn dawn l-interventi ta’ restawr hemm dik ta’ Sant Iermu. Mill-kilometri kollha ta’ swar li ħallew warajhom il-kavallieri, bla dubbju ta’ xejn, din il-fortizza hija l-aktar tissimbolizza l-qofol tal-Assedju l-Kbir. Għalkemm tfarrket mill-bombardamenti kiefra tat-Torok u kellha tinbena, tista tgħid, mill-ġdid fis-snin u sekli ta’ wara, baqgħu partijiet sostanzjali minnha li żgur imorru lura għall-1565.

 

Kien hawn, f’din il-fortizza li ntlagħbet l-aktar karta riskjuża. Dak ix-xahar li t-Torok ħlew jippruvaw jegħlbuha kien forsi, kif jaħsbu ħafna storiċi, ir-raġuni li wassal lit-Torok biex jitilfu l-Assedju. Mhux ta’ b’xejn, għalhekk, li għal ħafna nies, din il-fortizza tissimbolizza l-ispirtu ta’ resistenza u qlubija.

 

Għaldaqstant hija ħaġa stramba kif din il-fortizza tant importanti f’din il-ġrajja, qatt ma kienet integrata b’xi mod f’dawn iċ-ċelebrazzjonijiet tat-8 ta’ Settembru. Meta kont għandi tifel kenet id-drawwa li f’ġurnata bħal din kienu jeħduna f’Sant Anġlu u l-Armerija tal-Palazz, iżda qatt ma naf li stajna nidħlu f’Sant Iermu. L-għaliex qegħdin niċċelabraw din l-okkażjoni hawn f’din il-pjazza u mhux fil-Forti Sant Iermu, qatt ma stajt nifhem.

 

Hekk nistħajlu qiegħed jipprova jgħidilna l-poeta nazzjonali Malti, Dun Karm Psaila, fil-poeżija magħrufa tiegħu, Il-Għanja tar-Rebħa, meta jistaqsi: ‘qatt rajt ħaġa isbaħ minn Sant Iermu tagħna?’ 

 

U minn qalbi ngħidlu ‘le’, m’hemm xejn li jispirani daqsha u forsi, fis-snin li ġejjin, din it-tradizzjoni tinbidel biex il-fortizza ta’ Sant Iermu, wara li tkun irrestawrata, tieħu lura l-importanza storika li jixirqilha u ssir il-monument prinċipali fil-kommemorazzjoni ta’ l-Assedju l-Kbir.

 

 

Dr Stephen C Spiteri  Dipl. (Int. Des.) RI,  B.A. (Hons),  Ph.D,  twieled f’Malta fil-15 ta’ Settembru 1963 u ħa l-edukazzjoni tiegħu fil-Kulleġġ ta’ San Alwigi u aktar tard fl-Università ta’ Malta.  L-interess tieghu fl-istorja militari ta’ Malta u tal-Kavallieri ta’ San Ġwann wassluħ biex jikteb numru ta’ kotba u artikli dwar il-fortifikazzjonijiet  u l-arkittetura militari ta’ Malta u Rodi, kif ukoll analizi ta’ l-Assedju l-Kbir.  Fost il-pubblikazzjonijiet ewlenin tiegħu hemm  Fortresses of the Cross (1994), British Military Architecture (1996), The Fougasse – the Stone Mortar of Malta (1999), Fortresses of the Knights (2001),  Armoury of the Knights  (2003), The Great Siege: Knights vs Turks, mdlxv (2005),  u The Art of Fortress Building in Hospitaller Malta (2008).

Dr Spiteri jaħdem fil-qasam tal-konservazzjoni tal-patrimonju kulturali. Huwa serva għal tlett  snin bħala Agent-Kuratur ta’ l-Armerija fil-Palazz  u dawn l-aħħar għaxar snin okkupa il-kariga ta’ Supretendent tal-Fortifikazzjonijiet fi ħdan it-Taqsima tar-Restawr, Diviżjoni tax-Xogħlijiet, Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali. Huwa wkoll membru fundatur tas-Sacra Militia Foundation for the Study of Hospitaller Military and Naval History and u tal-Fortress Explorer Website li tippromovi l-apprezzament ta’ l-arkitettura militari.

 

 

 

 

 

 

FORM_HEADER


FORM_CAPTCHA
FORM_CAPTCHA_REFRESH

Banner

Support Vaclav Klaus!

Stop the Lisbon Treaty!

Sign Petition Here


 

JoomlaXTC NewsPro module - Copyright 2009 Monev Software LLC
CENTRU+LEMIN (C)2009